Il-kebbiesa tal-fanali f'BirzebbugiaFejn Kienu l-Fanali? F’Birżebbuġa kien hawn żewġ tipi ta’ fanali: wieħed, magħruf bħala “Stand Lantern”, li kien ikun fuq arblu b’żewġ friegħi tal-ħadid ħerġin minn taħt il-fanal, li maghhom kien jiġi mserraħ is-sellum, u l-ieħor kien ikun imwaħħal fuq brazz ħiereġ minn mal-ħajt. Il-fanali kienu mqassma hekk: dawk ta’ fuq l-arbli kont issibhom tul l-Bajja s-Sabiħa mill-venda tal-karozzi sa ħdejn wieħed mill-fanali tul il-Bajja ta’ San Ġorġ ħdejn il-‘Pitch tal-Waterpolo’ oħrajn f Wied il-Buni minn ħdejn il-latrina sal-bidu ta’ Kalafrana, waqt li f’San Ġorġ minn ħdejn il-pont tax-Shell sa quddiem Al Fresco. Kien hemm ukoll xi tnejn, int u sejjer lejn il-Qajjenza. Fanali mwaħħla mal-faċċati tad-djar tista’ tgħid li kienu mifruxa mat-toroq kollha li kienu jeżistu. Kienet ħaġa ta’ bilfors li jkun hemm fanal imwahħal fuq il-bieb tat-tabib tar-raħal, u tal-Kappillan jew xi qassis. F’dak iż-żmien, Birżebbuġa kellha lil Dun Karm Buġelli bħala Kappillan u d-dar tiegħu kienet f’47,Triq id-Duluri. Dun Spir Penza, qassis minn Bormla li kien jiġi għas-Sajf ukoll kellu fanal fuq il-bieb tad-dar tiegħu fil-Bajja s-Sabiħa. Aktar tard kien hawn Dun Ġużepp Delia bħala kurat u warajh Dun Anġ Fenech bħala kappillan,dawn it-tnejn ukoll kellhom il-fanal imwaħħal mal-faċċata tad-dar tagħhom. L-importanza tal-Fanal imwaħħal mal-faċċata tad-dar tal-Kappillan, kienet għal meta kien ikun imsejjaħ għal xi assistenza ta’ xi ħadd li kien ikun qiegħed imut bil-lejl. Fanal ieħor li kien ikun imwaħħal ta’ bil-fors kien dak fuq l-Għassa tal-Pulizija, iżda dan kien jinxtegħel mill-pulizija nnifsu. Mal-faċċata tal-Knisja tad-Duluri, li fl-1913 kienet saret l-ewwel Knisja Parrokkjali f’Birżebbuġa, kien hemm ukoll żewġ fanali mwaħħlin mal-faċċata. La qegħdin insemmu din il-knisja ta’ min wieħed jgħid li f’Settembru, fil-festa tad-Duluri, u li allura kienet l-ewwel titular tal-parroċċa mal-faċċata tal-knisja kienu jinxtegħlu t-tazzi taż-żejt. Dawn aktarx kienu jinxtegħlu mill-kebbiesa tal-fanali. Illum, fir-raħal, għad baqa’ xi tifkiriet tal-fanali tat-toroq. Fil-fatt, mad-dar numru 68, Triq San Mikiel għad hemm il-brazz li miegħu kien jiddendel il-fanal, imwaħħal mal-faċċata ta’ barra, u fil-bajja ta’ San Ġorġ, fil-kantuniera tad-dar ta’ Cachia Zammit, ghad hemm il-fanal sħiħ li llum qiegħed jinxtegħel bid-dawl elettriku. X’kien Xogħol il-Kebbies tal-Fanali? Minħabba li dawn il-fanali kienu mifruxa fuq medda twila mar-raħal ta’ Birżebbuġa, xogħol il-kebbies tal-fanali kien irid jibda sa minn kmieni qabel inżul ix-xemx, biex jilħqu jinxtegħlu kollha sa ma jidlam. Biss, żgur li ma kinitx tkun l-ewwel darba li l-kebbies kien ikun għad baqagħlu x’jixgħel anke meta jkun ġa dalam, l-aktar meta xi fanali minnhom ma kienux ikunu jridu jixegħlu. L-ewwel ma kien jagħmel kien li jserraħ is-sellum, li kien ikun ta’ xi erbatax-il skaluna, mal-ħajt jew mal-pajp ta’ kull fanal. Kien iniżżel il-lampa, inaddaf it-tubu tagħha b’xi biċċa ċarruta bajda u jimla l-lampa bil-pitrolju. Jekk jara li l-ftila tkun rabbiet il-musmar, il-kebbies kien jaqta’ biċċa minnha ħalli l-fjamma tkun tista’ tidher sewwa u ma ġġemmidx it-tubu. Fl-aħħar kien jixgħel il-lampa u jqegħdha mill-ġdid fil-fanal. Il-gwaj għall-kebbies kien ikun jekk xi fanal kien ifettillu jintefa b’xi maltemp jew b’xi riħ qawwi. F’dal-każ, fis kien imur iħabbatlu l-pulizija u jġiegħluh imur jixgħelu dak il-ħin stess! Filgħodu, xogħol il-kebbies tal-fanali kien jibda mat-tbexbix. Hawnhekk, kien ikun irid jagħmel l-istess ronda ta’ filgħaxija, biss din id-darba biex jitfi l-fanali li jkun xegħel il-lejl ta’ qabel. Kien iġorr qasba twila li tkun tnaddfet minn kull għaksa fuq ġewwa, idaħħalha minn ġo toqba fil-qiegħ tal-fanal u jonfoħ fil-qasba sakemm tintefa l-lampa. Ried ukoll jipprepara l-fanali għal lejla oħra ta’ mixegħla. Dan kien, bażikament, ix-xogħol tal-kebbies tal-fanali. Forsi għal ħafna jidher li kien xi xogħol ħafif, iżda wieħed irid jiftakar li dan kien irid isir kuljum (u speċjalment fix-Xitwa fil-bard u x-xita) u għal ftit ċenteżmi! Jien, li ma lħaqtx dan ix-xogħol isir, spiss nimmaġina lil Marija u lil ħuha Karmnu għaddejjin bis-sellum u l-landa tal-pitrolju jew lil Lippu u ‘l Valent bil-qasba u ċ-ċarruta. Allaħares, dak iż-żmien, ma kinitx tkun dik it-tnemnima dawl ħierġa mill-fanali biex tikser id-dlam taqtgħu b’sikkina fit-toroq tagħna matul il-lejl. Mhux ta’ b’xejn li l-poeta Anton Buttiġieġ iddedika poeżija lill-Kebbies tal-Fanali fejn fiha esprima: “Allaħares ma kienx Majsi Illi jagħmel ftit tad-dija”. http://sanpietru.wordpress.com/birzebbuga/il-kebbiesa-tal-fanali-u-xogholhom-fit-toroq-ta-birzebbuga/ Il-Kebbies tal-Fanal - Poem by Anton ButtigiegKull fl-għaxija
kif mal-għabex tnin u tmut saħħet il-jum, jiġi Majsi bis-sellum, u jixgħelli taħt it-tieqa fanal ċkejken, li tal-lejl itaffi d-diqa. Saħħti wkoll qed inħossha tmut kuljum, iżda msejkna l-Poeżija, kull fl-għaxija, dlonk tixxabbat mas-sellum, u ġo qalbi tixgħel naqra ta' fanal, illi jtaffi ftit id-diqa sa ma jmut ta' ħajti l-fdal. Alla ħares ma kienx Majsi illi jagħmel ftit tad-dija; u ma' Majsi – Alla ħares – ma kenitx il-Poeżija! |
AuthorWrite something about yourself. No need to be fancy, just an overview. Archives
January 2014
Categories |